Immigration History from Malta (Maltese) to Victoria
L-ewwel Maltin li waslu l-Awstralja kienu ħabsin, ittrasportati kmieni fis-seklu dsatax talli abbandunaw ir-reġimenti Brittaniċi tagħhom. Dak iż-żmien Malta kienet kolonja Brittanika.
L-ewwel persuna li ssetilja minn jeddu, Antonio Azzopardi, wasal f’Melbourne fl-1837 u sar kummerċjant li għamel suċċess, imma ftit kienu l-Maltin li mxew fuq il-passi tiegħu. Sal-1881, il-popolazzjoni f’Victoria ta’ dawk li twieldu f’Malta kienet biss ta’ 73. Dan minkejja l-fatt li l-emigrazzjoni kienet vitali għall-Malta, pajjiż żgħir, b’riżorsi fqar u l-Gran Brittanja inkoraġġiet l-emigrazzjoni bħala parti minn strateġija li żżid il-popolazzjoni fl-Imperu b’sudditi Brittaniċi bojod.
L-intenzjonijiet Brittaniċi kienu f’konflitt mal-Att ta’ Restrizzjoni tal-Immigrazzjoni tal-1901 tal-Awstralja, li żamm in-numru ta’ Maltin li jaslu l-Awstralja baxx kmieni fis-seklu għoxrin. Waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija l-immigrazzjoni Maltija kienet ristretta ħafna, u sistema ta’ kwota għall-immigranti Maltin kienet introdotta fl-1920. Pressjoni internazzjonali tat riżultat biex il-kwota tiżdied fl-1923, u 395 persuna mwielda Malta kienu jgħixu f’Victoria sal-1933.
Fl-1948 ftehim għal passaġġ assistit kien iffirmat ma’ Malta, l-ewwel ftehim ta’ din ix-xorta li l-Awstralja għamlet ma’ xi pajjiż ieħor barra l-Gran Brittanja. Dan irriżulta f’numru kbir ta’ wasliet ta’ Maltin li laħaq il-qofol tiegħu fis-snin ħamsin tas-seklu għoxrin. Sal-1966, il-popolazzjoni f’Victoria ta’ dawk li twieldu f’Malta kienet 26,452.
Sa min-nofs is-snin sebgħin tas-seklu għoxrin kien hemm ħafna anqas immigranti li waslu minn Malta, u n-numru ta’ dawk li twieldu f’Malta li joqogħdu f’Victoria naqas bil-mod. Fl-2011, Victoria kellha l-akbar popolazzjoni fl-Awstralja ta’ dawk li twieldu f’Malta, b’total ta’ 19,728 persuna. Il-Malti kien mitkellem id-dar minn 63% tal-membri tal-komunitá, waqt li l-biċċa l-kbira tal-oħrajn kienu jitkellmu bl-Ingliż.
Illum, il-komunitá hija ikkonċentrata f’Sunshine u f’Keilor. Il-Maltin huma mifruxa f’kull qasam tax-xogħol. Kważi kulħadd fil-komunitá huwa Kattoliku, u l-knisja kellha rwol vitali sa minn kmieni l-issetiljar tal-Maltin fl-Awstralja. Ħafna organizzazzjonijiet oħra f’Victoria, jgħinu wkoll biex jinżamm il-wirt sinjur tal-istorja Maltija, il-lingwa, il-mużika u r-reliġjon, taħt il-koordinazzjoni tal-Kunsill Malti ta’ Victoria.